You are here

“Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età” kienet kampanja deċentralizzata miftuħa għall-organizzazzjonijiet u l-individwi fil-livell lokali, nazzjonali u dak Ewropew. Din kienet ikkoordinata fil-livell nazzjonali mill-punti fokali tal-EU-OSHA f’aktar minn 30 pajjiż Ewropew, u appoġġjata minn sħab tal-kampanja uffiċjali — organizzazzjonijiet pan-Ewropej u multinazzjonali u s-sħab tal-midja tal-kampanja.

Fl-2016 u l-2017, l-EU-OSHA wettqet kampanja biex toħloq sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ tixjiħ sostenibbli fil-forza tax-xogħol. Għalkemm il-ġestjoni tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ hija sfida, din il-kampanja kellha l-għan li tipprovdi gwida ċara u utli dwar miżuri li jistgħu jittieħdu biex jitħeġġeġ ix-xogħol sostenibbli u jiġi evitat il-ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol. L-għanijiet ewlenin tal-Kampanja dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa 2016-17 huma:

  • li tippromwovi x-xogħol sostenibbli u t-tixjiħ f’saħħtu mill-bidu tal-ħajja tax-xogħol;
  • li tevita problemi tas-saħħa matul il-ħajja tax-xogħol;
  • li tipprovdi metodi lill-impjegaturi u lill-ħaddiema ta’ kif jiġġestixxu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ; u
  • li tħeġġeġ l-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba.