2016-17: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età


Sommarju tal-kampanja

Il-kampanja tal-2016–17, Postijiet tax-Xogħol li jieħdu ħsieb is-Saħħa f’kull Età, iffukat fuq il-promozzjoni tax-xogħol sostenibbli — jiġifieri, il-promozzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma siguri u tajbin għas-saħħa mill-bidu tal-ħajja tax-xogħol ta’ persuna, biex jiġu evitati l-problemi tas-saħħa u biex in-nies ikunu jistgħu jaħdmu aktar fit-tul. Dan qed isir aktar u aktar kruċjali hekk kif il-forza tax-xogħol tal-Ewropa qed tixjieħ u l-etajiet tal-irtirar qed jiżdiedu.

Il-kampanja attirat numri rekord ta’ sħab, li ppromwovew b’mod attiv u xerrdu l-materjal tal-kampanja fost in-netwerks estensivi tagħhom, u organizzaw u pparteċipaw f’mijiet ta’ avvenimenti ta’ skambju ta’ prattika tajba u ta’ sensibilizzazzjoni.

Is-suċċess u l-valur ta’ din il-kampanja ntwera biċ-ċar mir-riżultati ta’ evalwazzjoni indipendenti: is-suġġett tal-kampanja u l-għodod prodotti kienu rilevanti ħafna, b’mod partikolari għal organizzazzjonijiet u pajjiżi b’riżorsi limitati, l-appoġġ ipprovdut lill-intermedjarji għas-sensibilizzazzjoni kien effettiv ħafna, u l-Premjijiet ta’ Prattika Tajba tal-2016-17 ġew imfaħħra talli pprovdew pjattaforma effettiva għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Punti ewlenin oħra identifikati jinkludu l-ħila tal-EU-OSHA li tifhem u twieġeb għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati tagħha u l-kwalità għolja tal-outputs tagħha, żviluppati bil-ħtiġijiet tal-udjenzi fil-miri tagħha jiġu kkunsidrati.

Vidjo tal-kampanja tal-2016-17 – għall-Etajiet Kollha

Il-forza tax-xogħol li qed tixjieħ tirrappreżenta sfidi varji għal dawk kollha involuti fil- ġestjoni tal-OSH:

  • Ħajja ta’ xogħol itwal tista’ twassal għal esponiment itwal għar-riskji.
  • Se jkun hemm aktar ħaddiema bi problemi ta’ mard kroniku u bi bżonnijiet speċifiċi.
  • Ħaddiema ikbar fl-età jistgħu jkunu aktar vulnerabbli għal ċerti perikli tas-sigurtà u s-saħħa.
  • Ir-rata għolja ta’ problemi tas-saħħa relatati max-xogħol f’ċerti setturi u xogħlijiet li jinvolvu tagħbijiet tqal fiżiċi u/jew mentali, xogħol manwali jew
  • ħinijiet tax-xogħol atipiċi għandhom jiġu kkunsidrati.
  • Il-prevenzjoni tad-diżabbiltà, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn lejn ix-xogħol qegħdin isiru dejjem aktar importanti.
  • Fil-livell tas-soċjetà, jeħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.

Infografiċi - Nimmaniġġjaw il-forza tax-xogħol tal-Ewropa li qed tixjieħexternal

2016-17: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età
2016-17: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età
2016-17: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età